“Vintage Tfisser Klassiku Għal Raġuni”, mid-Direttur Artistiku, Sean Buhagiar
Nilqgħukom għall-ewwel edizzjoni ta’ Ġambori – bħal ‘Glitch’ imma hemm inqas birra u aktar esperjenzi tal-ħajja. Qegħdin hawn biex niċċelebraw il-famuż kartanzjan, iġifieri dawk li huma ‘l fuq mis-60, fejn qed nuru darba għal dejjem li l-ħajja ma titlifx il-kulur meta tikber, anzi, tiġi kull kulur!
Kont taf li hemm akkademiċi bħal Fancourt u Tymoszuk, – li isimhom qisu ta’ xi żewġ detektivs minn xi serje tal-BBC – li sabu li, li tkun attiv fl-arti huwa tajjeb ħafna ħafna għall-moħħ anzjan? Hemm 48% riskju inqas ta’ problemi fis-saħħa mentali għal nies li għandhom ‘il fuq minn 60 li jattendu attività kulturali impenjattiva mill-inqas darba fix-xahar. Vera! Hawn b’Ġambori, qegħdin inpoġġu din ir-riċerka fi żraben tal-perjodu u kpiepel faqa’. Il-klikka tagħna, il-Każin 60+ (qatt ma smajt bihom? Issa żgur iva!), se jifqgħu palk u ħadd minnhom qatt ma kien irreċta qabel. Huma xhieda ħajja li m’għandux ikollok ċertifikat tat-twelid minn dawn l-aħħar żewġ deċenji biex tkun kreattiv.
Internazzjonalment, l-Amerikani għandhom Stagebridge tal-arti għal adulti akbar, l-Ingliżi għandhom Entelechy Arts li permezz tagħha jżewqu l-ħajja tal-anzjani permezz tat-teatru. Ġambori qiegħed fl-istess linja ta’ dawn il-mudelli- mhux xi ħaġa li tara, imma xi ħaġa li tagħmel. Qegħdin neqilbu l-folja fuq xi tfisser li tikber – u le, mhux qed ngħid tbiddel it-te ma’ ġin u toniku. Fil-pjan grandjuż tagħna, il-klikka anzjani attivi mhumiex biss udjenza li qed issegwi u ċċapċap bil-pulit. Dik ukoll, imma qegħdin hemm fuq il-palk, ikunu l-istilel tal-ispettaklu jew jgħinuna nibnu s-sett. Mhumiex biss parti mill-ġemgħa potenzjali, imma huma l-avveniment prinċipali.
Mhux biss hija importanti, imma jista’ jkun tkun revoluzzjonarja. Tiftakruhom lil Ġuża Caruana, Johnny Catania u dawk il-leġġendi kollha tat-teatrini? Nossie Ghirlando, Dante Gatt, u Pawlu Camilleri, Emanuel Grima, Franz Spiteri, Ġiraldu Vella ma kinux noti fil-ktieb tal-istorja, imma kienu l-istorja prinċipali. Eku ta’ era teatrali amatorjali tal-passat. Insomma, Ġambori se jgħin biex iġib lura dik l-atmosfera. Issa jekk il-ġenerazzjonijiet anzjani tagħna jieħdu f’idejhom it-teatri tal-komunità? Jikkollaboraw maż-żgħar nett li jistgħu jibdew fid-dinja tat-teatru amatorjali?
Grazzi għall-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, mhux biss qed intellgħu festival imma qed nibdew moviment annwali. Għandek 60 u tixtieq tkun it-tieni Meryl Streep? Għandek 70 u tixtieq tħit il-kostumi? Il-palk huwa tiegħek. Ejja nagħmlu minn Ġambori post li mhux biss timxi fil-mogħdija tal-passat, imma tiżfen fiha.
Immaġina dinja fejn l-anzjani tagħna mhux biss joqgħodu jirrakkontaw dwar il-ġranet sbieħ tal-passat, imma qegħdin joħolqu dawn ‘il-ġranet sbieħ’ bħalissa – fuq il-palk, wara l-kwinti, u kull rokna oħra. Nilqgħukom għal din l-era l-ġdida – jew naħseb aħjar ngħid, ‘l-era l-antika’ – fejn kull tikmixa tirrakkonta storja, u kull storja ħaqqha l-palk! Merħba għal Ġambori – l-enkor ta’ ħajjitkom.
Ibbukjaw il-biljetti issa minn hawn!