Iltaqa’ ma’ Silvia: Perspettiva Ta’ Intern ma’ Teatru Malta

Ma kontx naf x’se nsib meta ddeċidejt nibda din l-esperjenza ma’ Teatru Malta. Kont diġà naf li kif isir it-teatru ma’ Teatru Malta, isir b’mod uniku u b’kultura kemxejn differenti mis-soltu. Teatru Malta m’hix biss kumpanija; m’hix biss mod kif tibda ġimgħa ta’ produzzjoni li twasslek għall-ispettaklu finali. Teatru Malta nista’ nqisha bħat-tieni familja tiegħi għaliex il-membri kollha tal-kumpanija jaħdmu flimkien f’armonija, b’mod amikevoli; huma dejjem lesti biex jgħinu lil xulxin. 

Mhux la kemm tgħid meta tiġi biex toħloq produzzjoni jew taħdem minn wara l-kwinti. Dax-xogħol jirrikjedi paċenzja u dedikazzjoni kbira, kapaċità li ssolvi l-problemi meta jinqalgħu xi intoppi, kif ukoll għarbiel fix-xogħol u ħidma bir-reqqa – kwalitajiet li t-tim ta’ Teatru Malta jeċċella fihom. 

Ħadt sehem f’diversi produzzjonijiet minn mindu bdejt naħdem ma’ Teatru Malta. L-ewwel produzzjoni li ħadt sehem fiha kienet dik ta’ ‘Fi-Do’, fejn tajt daqqa t’id f’dak li kellu x’jaqsam mal-għażla tal-kostumi u l-preparamenti għal fuq il-palk. Kien tassew interessanti x-xogħol għaliex kienet l-ewwel darba li ħadt sehem f’spettaklu daqshekk partikolari u differenti mis-soltu, fejn in-nies kif ukoll il-klieb kienu l-udjenza, kunċett totalment ġdid għalija. 

Bejn Awwissu u Settembru, kellna żewġ workshops, Rimini Protokoll u XENI-SFE. Waqt Xeni, kelli l-opportunità nieħu sehem f’workshop għal ġimagħtejn. Ingħaqad mat-tim fl-ewwel ġimgħa. Fl-ewwel ġimgħa tal-workshop diġà kont naf xi ħaġa dwar id-diżinn tad-dwal, iżda li verament tgħallimt u ħadt minn dan il-workshop huwa l-importanza tat-teamwork. Matul il-workshop tgħallimt ukoll kemm huwa importanti li tingħata l-attenzjoni fid-dettall ta’ kull spettaklu. Xi kultant, ma jitqiesx kemm dedikazzjoni u sforzi jkunu saru minn wara l-kwinti, minn tim iddedikat f’xogħlu. Meta jittella’ spettaklu, m’hix biss kwistjoni tal-atturi u l-palk; huwa frott xogħol siewi u bir-reqqa li jkun sar mit-tim. Matul dik il-ġimgħa, tgħallimt kif norganizza l-palk qabel ma jittella’ l-ispettaklu kif ukoll l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-isforzi tat-tim kollu, li jkunu saru sabiex jintlaħqu l-miri ta’ kulħadd.

Wara Xeni, komplejna b’ ‘Aura’, musical li jiżvolġi fid-dlam. Sakemm bdiet il-ġimgħa ta’ produzzjoni, ma kontx involuta direttament fl-organizzazzjoni. Minkejja dan, f’dik il-ġimgħa, esperjenzajt l-ispettaklu mal-udjenza. Kienet esperjenza ta’ barra minn hawn għaliex kienet l-ewwel darba li ħadt sehem f’prestazzjoni li ma ttellgħetx b’mod tradizzjonali kif nafuh aħna, jiġifieri fuq palk. Minflok, segwejt l-ispettaklu fid-dlam, mal-udjenza, bis-saħħa tal-użu tal-headphones. Kien hawn li rrealizzajt li ma kontx waħdi, u li kont qed naqsam dak il-mument u l-istorja mal-udjenza. Tajt daqqa t’id waqt il-ġimgħa tal-produzzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ preparamenti. Nixtieq nirringrazzja lil Teatru Malta tal-opportunità li ngħatajt biex ningħaqad mat-tim ta’ produzzjoni fejn esperjenzajt ix-xogħol li jsir biex jittella’ l-ispettaklu, filwaqt li tgħallimt ukoll x’inhi d-differenza bejn li tkun parti mill-udjenza u dik li tkun qed taħdem minn wara l-kwinti. 

L-internship tiegħi jtemm f’Novembru, u ninsab ferm sodisfatta bil-fatt li għad qed ningħata opportunitajiet biex nieħu sehem f’produzzjonijiet oħrajn. Qatt mhu faċli taħdem ma’ ħaddieħor iżda nista’ ngħid li t-tim ta’ Teatru Malta dejjem tagħni l-opportunità li nsir nafhom aħjar u nsir parti mill-familja teatrali. Il-ħidma tiegħi hawn kienet esperjenza tajba ħafna u żgur mhux forsi se nibqa’ ngħożż dak kollu li tgħallimt hawnhekk.